gov.mt

pr261642

PR261642

06/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Imnedija Festa Ikel Malti 2026

Il-Malta Food Agency se tkun qed torganizza għal darb'oħra Festa Ikel Malti, li se tittella' nhar il-Ħadd 11 ta' Ottubru 2026, fil-Pitkalija, Ta' Qali, bejn l-10:00 ta' filgħodu u l-17:00. Dan l-avveniment sar appuntament annwali li jiċċelebra l-ikel Malti u, fuq kollox, lin-nies li jaħdmu ta' kuljum biex jipproduċuh.

 

Aktar minn 50 produttur tal-ikel u organizzazzjoni, inklużi parteċipanti mill-Farmers' Market, se jieħdu sehem matul din il-ġurnata, fejn il-pubbliku se jkollu l-opportunità jiskopri prodotti lokali u jiltaqa' man-nies li hemm warajhom.

 

Matul il-ġurnata se jkun hemm ikel, tisjir dirett, divertiment u attivitajiet għat-tfal, fi programm maħsub biex joffri ġurnata għall-familja kollha. Dawk li jixtiequ jattendu bl-annimali domestiċi tagħhom huma wkoll mistiedna jagħmlu dan.

 

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo qal, “Wara kull prodott lokali hemm il-ħidma u d-dedikazzjoni tal-bdiewa, is-sajjieda u l-produtturi tagħna. Permezz ta' Festa Ikel Malti qed nagħtu spazju lil dawn in-nies u lill-prodotti tagħhom, filwaqt li nħeġġu aktar familji jagħrfu l-valur tal-prodott lokali u jagħżluh." Huwa żied jgħid li attivitajiet bħal dawn jgħinu biex tissaħħaħ ir-rabta diretta bejn il-produttur u l-konsumatur. Il-Ministru ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex iżur Festa Ikel Malti u, permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu, ikompli jagħti sostenn lill-produtturi tal-ikel lokali.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, qal li Festa Ikel Malti tirrifletti l-ħidma tal-Aġenzija biex tippromwovi l-produzzjoni tal-ikel lokali u tressaq lill-produttur eqreb lejn il-konsumatur. “Wara kull prodott lokali hemm persuna, familja u storja li jistħoqqilhom jingħataw valur. Din hija l-viżjoni li tmexxina, dik li nqiegħdu lill-produtturi fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna u nagħtuhom l-ispazju, l-għarfien u l-opportunitajiet biex ikomplu jikbru. Festa Ikel Malti tagħti ħajja lil din il-viżjoni, billi tlaqqa' lill-pubbliku ma' dawk li, bil-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom, isostnu l-identità tal-ikel Malti. Meta nagħżlu l-prodott lokali, inkunu qed ninvestu fin-nies tagħna, fil-wirt tagħna u fil-futur tas-settur tal-ikel f'pajjiżna," qal Vella.

 

Min-naħa tiegħu, Justin John Camilleri, Chief Business Development Officer tal-Malta Food Agency, qal li Festa Ikel Malti hija l-qofol ta' diversi inizjattivi li permezz tagħhom l-Aġenzija qed issaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi lokali fis-suq. “L-avveniment jgħaqqad il-promozzjoni mal-bejgħ dirett, il-kuntatt mal-konsumatur u l-ħolqien ta' relazzjonijiet kummerċjali ġodda. Il-valur strateġiku tiegħu jinsab fil-mod kif dawn l-elementi jikkumplimentaw il-ħidma tagħna matul is-sena, jiġifieri li nwessgħu l-aċċess għas-swieq, insaħħu l-għarfien tal-prodott lokali u ngħinu lill-produtturi jiżviluppaw l-attività tagħhom. L-għan huwa li l-viżibbiltà miksuba waqt Festa Ikel Malti tissarraf f'domanda aktar b'saħħitha, f'aktar opportunitajiet ta' negozju u f'relazzjoni dejjiema bejn il-produttur u l-konsumatur," qal Camilleri.

 

Il-pubbliku huwa mistieden sabiex nhar il-Ħadd, 11 ta' Ottubru, jattendi għal Festa Ikel Malti 2026 fil-Pitkalija, Ta' Qali, bejn l-10:00 ta' filgħodu u l-17:00 għal ġurnata ta' ikel, divertiment u attivitajiet għall-familja kollha, filwaqt li tingħata importanza lill-prodott Malti u lin-nies li jipproduċuh.

​ 

​